Kif Google
Tiftix jorganizza l-informazzjoni
Meta tuża Tiftix, Google tfittex f'mijiet ta' biljuni ta' paġni tal-internet u kontenut ieħor maħżun fl-indiċi ta' Tiftix — li huwa ikbar mill-informazzjoni kollha maħżuna fil-biblijoteki kollha tad-dinja — biex issiblek informazzjoni siewja.
Tliet persuni qed jorganizzaw l-informazzjoni fuq il-kartolini
Ngħakirxu għall-informazzjoni

Il-biċċa l-kbira tal-indiċi ta' Tiftix jinġabar bil-ħidma ta' softwer magħrufa bħala għekierex. Dawn jaħdmu billi jżuru paġni pubbliċi tal-internet u jiftħu l-ħoloq li jsibu fuq dawk il-paġni, l-istess bħalma tagħmel int meta tkun qed tqalleb il-kontenut tal-internet. Is-softwer jgħakrex minn paġna għall-oħra u jaħżen l-informazzjoni u l-kontenut pubbliku l-ieħor kollu fl-indiċi ta' Google Tiftix.

Sit tal-internet li qed juri stampa ta' rota
Norganizzaw l-informazzjoni f'indiċi

Meta l-għekierex isibu paġna tal-internet, is-sistemi tagħna jaqraw il-kontenut tal-paġna bl-istess mod li kieku jinqara fi brawżer. Imbagħad nieħdu nota tas-sinjali ewlenin — mill-kliem muftieħ sa kemm is-sit ikun aġġornat — u dan kollu jidħol fl-indiċi ta' Tiftix.

Tliet settijiet ta' siti tal-internet

L-indiċi ta' Google Tiftix fih mijiet ta' biljuni ta' paġni u jiżen iktar minn 100,000,000 gigabyte. Jaħdem l-istess bħall-indiċi li ssib fuq wara ta' ktieb — b'daħla għal kull kelma li nsibu fuq kull paġna li nżidu fl-indiċi. Meta nżidu paġna mal-indiċi tagħna, aħna norbtu kull kelma li nsibu fil-paġna mad-daħliet fl-indiċi.

Ngħakirxu għal informazzjoni ġdida bla waqfien

Billi l-internet u kontenut ieħor il-ħin kollu jinbidlu, biex inżommu l-indiċi tagħna aġġornat, il-proċessi ta' għakrix tagħna ma jaqtgħu xejn. Dawn jifhmu kemm jinbidel ta' sikwit il-kontenut li jkunu sabu qabel u jerġgħu jgħakirxuh skont il-każ. Huma u jaħdmu, isibu wkoll kontenut ġdid mill-ħoloq u l-informazzjoni l-ġdida li jkunu feġġew sadattant.

Google toffri wkoll kaxxa tal-għodda bla ħlas bl-isem ta' Ċentru tat-Tiftix, għodda li l-ħallieqa tal-kontenut jistgħu jużaw biex jgħinuna ngħakirxu l-kontenut tagħhom aħjar. Jistgħu wkoll jużaw standards diġà fis-seħħ bħall-mapep tas-siti u robots.txt biex jgħidulna kemm jixtiequ li nżuru s-sit tagħhom ta' sikwit jew biex jgħidulna ma nżidux il-paġni tagħhom mal-indiċi ta' Tiftix.

Google ma taċċettax pagamenti biex tgħakrex xi siti tal-internet iktar ta' sikwit — aħna nagħtu l-istess għodod lis-siti tal-internet kollha biex l-utenti tagħha jiksbu l-aqwa riżultati.

Mhux paġni tal-internet biss

L-indiċi ta' Tiftix tagħna ma fihx biss dak li jiġi ppubblikat fuq il-paġni tal-internet għax jaf ikun hemm xi informazzjoni siewja f'postijiet oħra wkoll.

Aħna nżommu għadd ta' indiċijiet b'ħafna tipi ta' informazzjoni li niġbru: aħna u ngħakirxu l-paġni tal-internet, mingħand l-imsieħba tagħna, mill-ġabriet tad-dejta li nirċievu u mill-enċiklopedija tal-fatti tagħna stess, il-Ġabra tal-Għarfien.

Dan l-għadd kbir ta' indiċijiet ifisser li tista' tfittex f'miljuni ta' kotba li jinsabu f'biblijoteki ewlenin, issib il-ħinijiet tat-trasport pubbliku tal-post fejn tinsab u tikseb id-dejta minn sorsi pubbliċi bħal pereżempju mill-Bank Dinji.