Biex nagħtuk riżultati siewja, l-ewwel jeħtieġ li nifhmu x'qed tfittex ー x'għandek f'moħħok li ssib. Biex naslu għal dan aħna nibnu sistemi tal-fehim tal-ilsna biex mill-ftit kliem li tikteb fil-kaxxa tat-tiftix, nippruvaw nifhmu kif nistgħu nuruk l-iktar kontenut siewi li għandna.
Il-proċess magħmul minn passi żgħar, bħal pereżempju li nifhmu u nsewwu l-iżbalji tal-ortografija, u passi ikbar fejn nużaw is-sistema sofistikata tas-sinonimi tagħna biex nibnu lista li tgħinna nsibu dokumenti siewja, anki jekk forsi ma jkollhomx kelma b'kelma dak il-kliem li fittixt int. Biex nagħtuk eżempju ー int jaf tkun fittixt "ibdel il-qawwa tad-dawl tal-iskrin tal-laptop" imma l-manifattur ikun uża "irranġa l-qawwa tad-dawl tal-iskrin tal-laptop" fl-istruzzjonijiet tiegħu. Is-sistemi tagħna jifhmu li l-kliem u l-intenzjonijiet huma l-istess u għalhekk jagħtuk il-kontenut is-siewi. Din is-sistema tnediet wara ħames snin ta' ħidma u sibna li ttejjeb ir-riżultati tat-tiftix fl-ilsna kollha b'iktar minn 30%.
Is-sistemi tagħna jippruvaw jifhmu wkoll ix-xorta ta' informazzjoni li tkun qed tfittex. Jekk tfittex kliem bħal "tisjir" jew "stampi", is-sistemi tagħna jifhmu li hemm probabbiltà ikbar li tixtieq issib xi riċetti jew ritratti. Jekk tfittex bil-Franċiż, il-biċċa l-kbira tar-riżultati li se nagħtuk se jkunu bil-Franċiż ー wisq probabbli hekk tkun qed tistenna. Is-sistemi tagħna jistgħu jagħrfu wkoll li ħafna tiftixiet jafu jkunu jeħtieġu riżultati marbuta mal-post fejn jinsab dak li jkun qed ifittex ー għalhekk meta tfittex "pizza", se nagħtuk riżultati li juru n-negozji fil-qrib li jistgħu jwasslulek il-pizza fejn tixtieq.
Jekk it-tiftixa tiegħek ikun fiha xi kliem ewlieni li jkun iktar popolari mis-soltu, is-sistemi tagħna jifhmu li l-aħħar informazzjoni taf tkunlek iktar siewja minn paġni b'informazzjoni eqdem. Dan ifisser li jekk tkun qed tfittex għal xi riżultati tal-isport, stqarrijiet dwar id-dħul tal-kumpaniji jew xi informazzjoni oħra li tkun għadha friska, aħna se nagħtuk l-aħħar informazzjoni.