Intejbu Tiftix bi proċess tal-provi reqq
L-għan tagħna huwa li nagħtuk dejjem l-iktar informazzjoni siewja u addattata. Il-bidliet kollha li nagħmlu f'Tiftix isiru dejjem biex intejbu s-siwi tar-riżultati li nagħtuk. Huwa għalhekk li ħadd ma jista' jħallas biex jintwera fir-riżultati ta' Tiftix.
Mara bi clipboard qed tinvestiga sit tal-internet
Sir af kif nies bħalek iwasslu għal Google Tiftix aħjar
Sir af kif nies bħalek iwasslu għal Google Tiftix aħjar
Ara l-vidjo
2:03
Nippruvaw kollox biex nifhmu s-siwi

Maż-żmien Tiftix inbidel biex jaddatta għall-ħtiġijiet il-ġodda tan-nies li jużaw Google u biex jagħtihom dak li jistennew minnu. Minn żidiet innovattivi bħall-Ġabra tal-Għarfien sal-bidliet li nagħmlu fis-sistemi tagħna biex niżguraw li dejjem qed nagħtu kontenut addattat, l-għan tagħna dejjem hu li nagħtu riżultati iktar siewja.

Kull bidla li nkunu qed naħsbu biex nagħmlu f'Tiftix tiġi pruvata bir-reqqa biex inkejlu l-effetti tagħha u wara nagħżlu jekk indaħħluhiex fis-seħħ jew le.

Id-dejta ta' dawn l-esperimenti u l-provi, minbarra li tiġi studjata bir-reqqa minn inġiniera ta' esperjenza u esperti fir-riżultati tat-tiftix, tgħaddi wkoll għand esperti oħrajn fil-qasam tal-privatezza u tal-liġi u flimkien dawn kollha jagħżlu jekk il-bidla għandhiex titnieda jew le. Fl-2022 wettaqna iktar minn 800,000 esperiment li wassal għal iktar minn 4,000 bidla biex tejjibna Tiftix.

Nagħmlu ħafna tipi ta' provi. Fl-2022 kellna:
4,725 tnedija

Kull bidla li nkunu nixtiequ nagħmlu f'Tiftix tgħaddi mil-lenti tal-iktar inġiniera u xjentisti tad-dejta b'esperjenza tagħna, li jiċċekkjaw id-dejta tal-esperimenti kollha bir-reqqa u mbagħad jagħżlu jekk il-bidla għandhiex tiġi approvata. Ħafna mill-bidliet li ħsibna li nagħmlu f'din l-aħħar sena qatt ma daħlu fis-seħħ, għaliex jekk ma nkunux ċerti li l-bidla se tħaffef il-ħajja tan-nies, il-bidla ma sseħħx.

Tliet gruppi ta' riżultati ta' Tiftix qed jiġu aċċettati jew miċħuda.

13,280 esperiment direttament mal-utenti tagħna

Aħna nagħmlu esperimenti bħal dawn biex nifhmu kif l-utenti tagħna jużaw faċilità partikolari qabel titnieda għal kulħadd. Il-faċilità tingħata lil grupp żgħir ta' nies, ħafna drabi nibdew biss minn 0.1% tal-utenti tagħna. Imbagħad inqabblu l-esperjenza ta' dan il-grupp żgħir ta' utenti ma' grupp ieħor li ma kellux din il-faċilità. Aħna nkejlu lista twila ta' dettalji bħal pereżempju dak li n-nies jagħfsu fuqu, kemm saru tiftixiet, jekk l-utenti jkunux fetħu r-riżultati li tajniehom, kemm ikunu damu biex għafsu fuq l-ewwel riżultati u ħwejjeġ bħal dawn. Dawn ir-riżultati nużawhom biex nifhmu jekk l-effett tal-faċilità l-ġdida kienx wieħed tajjeb, ħalli niżguraw li l-bidliet li nagħmlu jkunu qed iwasslu għal riżultati iktar addattati u siewja għal kulħadd.

Siti bi grafiki bil-linji

894,660 test tal-kwalità tar-riżultati tat-tiftix

Aħna naħdmu ma' Eżaminaturi tal-Kwalità ta' Tiftix minn barra l-kumpanija tagħna biex jgħinuna l-ħin kollu nkejlu l-kwalità tar-riżultati ta' Tiftix. L-Eżaminaturi jqisu kemm il-kontenut muri jkun jaqbel mat-tiftixa tal-utent u jqisu wkoll il-kwalità tar-riżultati skont liema kontenut ikun l-iktar espert, ta' min joqgħod fuqu u ta' min jafdah. Dan il-proċess m'għandux impatt dirett fuq is-sarbit tar-riżultati imma jgħinna nifhmu xi kwalità ta' riżultati nkunu qed nuru biex niżguraw li dejjem ikunu ta' kwalità għolja madwar id-dinja kollha.

L-eżaminaturi jqisu kemm sit tal-internet jagħmel biċċa xogħol tajba biex jagħti lin-nies li jżuruh dak li jkunu qed ifittxu u jqisu wkoll il-kwalità tar-riżultati skont liema kontenut ikun l-iktar espert, ta' min joqgħod fuqu u ta' min jafdah.

Biex niżguraw li dan il-proċess jitwettaq b'mod konsistenti, għandna l-Linji Gwida għall-Eżaminaturi tal-Kwalità ta' Tiftix biex ngħinu lil dawn l-Eżaminaturi jifhmu x'qed nistennew mingħandhom u nuruhom xi eżempji ta' tiftix immarkat kif suppost. Għalkemm il-proċess ta' fehim tal-kwalità tar-riżultati jaf jinstema' proċess ħafif, hemm ħafna sitwazzjonijiet li jeħtieġu ħafna ħsieb u għalhekk dan il-proċess huwa kruċjali biex niżguraw li nibqgħu dejjem inwasslu lill-utenti tagħna riżultati ta' kwalità għolja.

Sit tal-internet b'checklist

148,038 esperiment b'żewġ settijiet ta' riżultati

Tiftix huwa dinamiku. Aħna naħdmu bla heda biex intejbu s-sistemi tagħna ħalli jagħtu riżultati aħjar u l-Eżaminaturi tal-Kwalità ta' Tiftix għandhom rwol importanti fil-proċess kollu. Meta nwettqu esperiment b'żewġ settijiet ta' riżultati, l-Eżaminaturi jintwerew żewġ settijiet ta' riżultati ta' Tiftix: wieħed ikollu l-bidla li nixtiequ nagħmlu u s-sett l-ieħor le. Aħna nistaqsuhom liema riżultati jagħżlu u għaliex.

Żewġ siti tal-internet b'kaxxi għall-voti taħthom